search


interactive GDPR 2016/0679 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2016/0679 MT jump to: cercato: '   l-awtoritajiet' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


index    l-awtoritajiet:


whereas    l-awtoritajiet:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 546

 

Artikolu 55

Kompetenza

1.   Kull awtorità superviżorja għandha tkun kompetenti biex twettaq il-kompiti assenjati lilha u l-eżerċizzju tas-setgħat ikkonferiti lilha f'konformità ma' dan ir-Regolament fit-territorju tal-Istat Membru tagħha stess.

2.   Fejn l-ipproċessar titwettaq minn awtoritajiet pubbliċi jew korpi privati li jaġixxu abbażi tal-punt (c) jew (e) tal-Artikolu 6(1), għandha tkun kompetenti l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru kkonċernat. F'tali każijiet ma japplikax l-Artikolu 56.

3.   l-awtoritajiet superviżorji ma għandhomx ikunu kompetenti li jissorveljaw l-attivitajiet ta' pproċessar ta' qrati li jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom.

Artikolu 61

Assistenza reċiproka

1.   l-awtoritajiet superviżorji għandhom jipprovdu lil xulxin b'informazzjoni rilevanti u assistenza reċiproka sabiex jimplimentaw u japplikaw dan ir-Regolament b'mod konsistenti, u għandhom jistabbilixxu miżuri għal kooperazzjoni effettiva ma' xulxin. L-assistenza reċiproka għandha tkopri, b'mod partikolari, talbiet ta' informazzjoni u miżuri superviżorji, bħal talbiet biex jitwettqu awtorizzazzjonijiet u konsultazzjonijiet minn qabel, ispezzjonijiet u investigazzjonijiet.

2.   Kull awtorità superviżorja għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex twieġeb għal talba ta' awtorità superviżorja oħra mingħajr dewmien mhux dovut u sa mhux aktar tard minn xahar wara li tirċievi t-talba. Tali miżuri jistgħu jinkludu, b'mod partikolari, it-trażmissjoni ta' informazzjoni rilevanti dwar it-twettiq ta' investigazzjoni.

3.   It-talbiet għall-assistenza għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa, inkluż l-għan u r-raġunijiet għat-talba. L-informazzjoni skambjata għandha tintuża biss għall-għan li għalih intalbet.

4.   L-awtorità superviżorja ma għandhiex tirrifjuta li tikkonforma mat-talba ħlief jekk:

(a)

mhijiex kompetenti għas-suġġett tat-talba jew għall-miżuri li qed tintalab teżegwixxi; jew

(b)

il-konformità mat-talba ma tkunx kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jew mal-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li tkun soġġetta għaliha l-awtorità superviżorja li ssirilha t-talba.

5.   L-awtorità superviżorja li ssirilha t-talba għandha tinforma lill-awtorità superviżorja li tagħmel it-talba dwar ir-riżultati jew, skont kif ikun il-każ, dwar il-progress jew il-miżuri meħuda sabiex twieġeb għat-talba. L-awtorità superviżorja mitluba għandha tipprovdi r-raġunijiet għal kwalunkwe rifjut ta' konformità ma' talba.

6.   l-awtoritajiet superviżorji mitluba għandhom, bħala regola, jipprovdu l-informazzjoni mitluba minn awtoritajiet superviżorji oħra b'mezzi elettroniċi, permezz ta' format standardizzat.

7.   l-awtoritajiet superviżorji mitluba ma għandhom jitolbu ebda tariffa għal kwalunkwe azzjoni meħuda minnhom f'konformità ma' talba għal assistenza reċiproka. L-awtoritajiet superviżorji jistgħu jaqblu dwar regoli biex jindennizzaw lil xulxin għal infiq speċifiku li jirriżulta mill-għoti ta' assistenza reċiproka f'ċirkostanzi eċċezzjonali.

8.   Fejn awtorità superviżorja ma tipprovdix l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu fi żmien xahar minn meta tirċievi t-talba minn awtorità superviżorja oħra, l-awtorità superviżorja li tagħmel it-talba tista' tadotta miżura proviżorja fit-territorju tal-Istat Membru tagħha f'konformità mal-Artikolu 55(1). F'dak il-każ, il-ħtieġa urġenti li taġixxi skont l-Artikolu 66(1) għandha tkun preżunta li ġiet sodisfatta u teħtieġ deċiżjoni vinkolanti urġenti mill-Bord skont l-Artikolu 66(2).

9.   Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tispeċifika l-format u l-proċeduri għall-assistenza reċiproka msemmija f'dan l-Artikolu u l-arranġamenti għall-iskambju ta' informazzjoni b'mezzi elettroniċi fost l-awtoritajiet superviżorji, u bejn l-awtoritajiet superviżorji u l-Bord, b'mod partikolari l-format standardizzat imsemmi fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2).

Artikolu 62

Operazzjonijiet konġunti ta' awtoritajiet superviżorji

1.   l-awtoritajiet superviżorji għandhom, fejn xieraq, iwettqu operazzjonijiet konġunti inklużi investigazzjonijiet konġunti u miżuri ta' infurzar konġunti li fihom ikunu involuti membri jew persunal tal-awtoritajiet superviżorji ta' Stati Membri oħra.

2.   Fejn il-kontrollur jew il-proċessur ikollu stabbilimenti f'diversi Stati Membri jew fejn għadd sinifikanti ta' suġġetti tad-data f'aktar minn Stat Membru wieħed x'aktarx li jkun affettwat b'mod sostanzjali minn operazzjonijiet ta' pproċessar, awtorità superviżorja minn kull wieħed minn dawk l-Istati Membri għandu jkollha d-dritt li tipparteċipa fl-operazzjonijiet konġunti. L-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 56(1) jew (4) għandha tistieden lill-awtorità superviżorja ta' kull wieħed minn dawk l-Istati Membri biex tipparteċipa fl-operazzjonijiet konġunti u għandha twieġeb mingħajr dewmien għat-talba ta' awtorità superviżorja biex tipparteċipa fihom.

3.   Awtorità superviżorja tista', f'konformità mal-liġi tal-Istat Membru, u bl-awtorizzazzjoni tal-awtorità superviżorja li tissekonda, tikkonferixxi setgħat, inklużi setgħat investigattivi fuq il-membri jew il-persunal involuti f'operazzjonijiet konġunti tal-awtorità superviżorja li tissekonda jew, sa fejn tippermetti l-liġi tal-Istat Membru tal-awtorità superviżorja ospitanti, tippermetti lill-membri jew il-persunal tal-awtorità superviżorja li tissekonda jeżerċita s-setgħat investigattivi tiegħu f'konformità mal-liġi tal-Istat Membru tal-awtorità superviżorja li tissekonda. Tali setgħat investigattivi jistgħu jiġu eżerċitati biss taħt il-gwida u fil-preżenza ta' membri jew persunal tal-awtorità superviżorja ospitanti. Il-membri jew il-persunal tal-awtorità superviżorja li tissekonda għandhom ikunu soġġetti għal-liġi tal-Istat Membru tal-awtorità superviżorja ospitanti.

4.   Fejn, f'konformità mal-paragrafu 1, il-persunal ta' awtorità superviżorja li tissekonda jopera fi Stat Membru ieħor, l-Istat Membru tal-awtorità superviżorja ospitanti għandu jassumi r-responsabbiltà għall-azzjonijiet tiegħu, inkluża l-imputabbiltà, għal kwalunkwe dannu kkawżat minnhom matul l-operazzjonijiet tiegħu, f'konformità mal-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa jopera.

5.   L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ikun ġie kkawżat id-dannu għandu jagħmel tajjeb għal tali dannu bil-kondizzjonijiet applikabbli għad-dannu kkawżat mill-persunal tiegħu stess. L-Istat Membru tal-awtorità superviżorja li tissekonda li l-persunal tagħha jkun ikkawża dannu lil kwalunkwe persuna fit-territorju ta' Stat Membru ieħor għandu jrodd lura bis-sħiħ lil dan tal-aħħar kwalunkwe somma li ħallas lill-persuni intitolati f'isimhom.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu vis-à-vis partijiet terzi u bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 5, kull Stat Membru għandu jibqa' lura, fil-każ previst fil-paragrafu 1, milli jitlob rimborż minn Stat Membru ieħor relattivament għal danni msemmija fil-paragrafu 4.

7.   Fejn tkun maħsuba operazzjoni konġunta u awtorità superviżorja ma tikkonformax fi żmien xahar mal-obbligu stipulat fit-tieni sentenza tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet superviżorji l-oħra jistgħu jadottaw miżura proviżorja fit-territorju tal-Istat Membru li hija kompetenti għalih f'konformità mal-Artikolu 55. F'dak il-każ, il-ħtieġa ta' azzjoni urġenti skont l-Artikolu 66(1) għandu jkun preżunt li hija sodisfatta u teħtieġ opinjoni urġenti jew deċiżjoni vinkolanti urġenti mill-Bord skont l-Artikolu 66(2).

Taqsima 2

Konsistenza

Artikolu 64

Opinjoni tal-Bord

1.   Il-Bord għandu joħroġ opinjoni fejn awtorità superviżorja kompetenti tkun biħsiebha tadotta kwalunkwe waħda mill-miżuri hawn taħt. Għal dak il-għan, l-awtorità superviżorja kompetenti għandha tikkomunika l-abbozz ta' deċiżjoni lill-Bord, meta hija:

(a)

ikollha l-għan li tadotta lista tal-operazzjonijiet ta' pproċessar soġġetta għar-rekwiżit għal valutazzjoni tal-impatt tal-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 35(4);

(b)

tikkonċerna suġġett skont l-Artikolu 40(7) jekk abbozz ta' kodiċi ta' kondotta jew emenda jew estensjoni ta' kodiċi ta' kondotta jkunux konformit ma' dan ir-Regolament;

(c)

ikollha l-għan li tapprova l-kriterji għall-akkreditazzjoni ta' korp skont l-Artikolu 41(3) jew korp ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 43(3);

(d)

ikollha l-għan li tiddetermina l-klawżoli standard ta' protezzjoni tad-data msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 46(2) u fl-Artikolu 28(8);

(e)

ikollha l-għan li tawtorizza l-klawżoli kuntrattwali msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 46(3); jew

(f)

ikollha l-għan li tapprova regoli korporattivi vinkolanti fis-sens tal-Artikolu 47.

2.   Kwalunkwe awtorità superviżorja, il-President tal-Bord jew il-Kummissjoni tista' titlob li kwalunkwe kwistjoni ta' applikazzjoni ġenerali jew li jkollha effetti f'aktar minn Stat Membru wieħed tiġi eżaminata mill-Bord bil-ħsieb li tinkiseb opinjoni, b'mod partikolari fejn awtorità superviżorja kompetenti ma tkunx f'konformità mal-obbligi ta' assistenza reċiproka f'konformità mal-Artikolu 61 jew għal operazzjonijiet konġunti f'konformità mal-Artikolu 62.

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Bord għandu joħroġ opinjoni dwar is-suġġett sottomess lilu dment li ma jkunx diġà ħareġ opinjoni dwar l-istess suġġett. Dik l-opinjoni għandha tiġi adottata fi żmien tmien ġimgħat b'maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Bord. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż b'sitt ġimgħat oħra, filwaqt li jittieħed kont tal-kumplessità tas-suġġett. Fir-rigward tal-abbozz ta' deċiżjoni msemmi fil-paragrafu 1 iċċirkolat lill-membri tal-Bord f'konformità mal-paragrafu 5, membru li ma jkunx oġġezzjona f'perijodu raġonevoli indikat mill-President għandu jitqies li jkun qabel mal-abbozz ta' deċiżjoni.

4.   l-awtoritajiet superviżorji u l-Kummissjoni għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jikkomunikaw b'mod elettroniku lill-Bord, bl-użu ta' format standardizzat kwalunkwe informazzjoni rilevanti, inkluż skont kif ikun il-każ sommarju tal-fatti, l-abbozz ta' deċiżjoni, ir-raġunijiet li jagħmlu l-mogħdija ta' tali miżura meħtieġa, u l-fehmiet ta' awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra.

5.   Il-President tal-Bord għandu, mingħajr dewmien żejjed, jinforma b'mod elettroniku:

(a)

lill-membri tal-Bord u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe informazzjoni rilevanti li tkun ġiet ikkomunikata lilu bl-użu ta' format standardizzat. Is-segretarjat tal-Bord għandu jipprovdi, fejn meħtieġ, traduzzjonijiet ta' informazzjoni rilevanti; u

(b)

lill-awtorità superviżorja msemmija, skont kif ikun il-każ, fil-paragrafi 1 u 2, u lill-Kummissjoni dwar l-opinjoni u jagħmilha pubblika.

6.   L-awtorità superviżorja kompetenti ma għandhiex tadotta l-abbozz ta' deċiżjoni tagħha msemmi fil-paragrafu 1 fil-perijodu msemmi fil-paragrafu 3.

7.   L-awtorità superviżorja msemmija fil-paragrafu 1 għandha tieħu kont bl-akbar reqqa tal-opinjoni tal-Bord u fi żmien ġimagħtejn wara li tirċievi l-opinjoni, għandha tikkomunika lill-President tal-Bord b'mod elettroniku jekk ser iżżomm jew temenda l-abbozz ta' deċiżjoni tagħha u, jekk ikun hemm, l-abbozz emendat ta' deċiżjoni, bl-użu ta' format standardizzat.

8.   Fejn l-awtorità superviżorja kkonċernata tinforma lill-President tal-Bord fil-perijodu msemmi fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu li hija ma tkunx biħsiebha ssegwi, b'mod sħiħ jew parzjali, l-opinjoni tal-Bord, filwaqt li tagħti r-raġunijiet rilevanti, għandu japplika l-Artikolu 65(1).

Artikolu 65

Soluzzjoni għat-tilwim mill-Bord

1.   Sabiex jiżgura l-applikazzjoni korretta u konsistenti ta' dan ir-Regolament f'każijiet individwali, il-Bord għandu jadotta deċiżjoni vinkolanti fil-każijiet li ġejjin:

(a)

fejn, f'każ imsemmi fl-Artikolu 60(4), awtorità superviżorja kkonċernata tkun qajmet oġġezzjoni rilevanti u motivata għal abbozz ta' deċiżjoni tal-awtorità ewlenija jew l-awtorità ewlenija tkun ċaħdet tali oġġezzjoni għar-raġuni li ma tkunx rilevanti jew motivata. Id-deċiżjoni vinkolanti għandha tikkonċerna l-kwistjonijiet kollha li jkunu s-suġġett tal-oġġezzjoni rilevanti u motivata, b'mod partikolari jekk ikunx hemm ksur ta' dan ir-Regolament;

(b)

fejn ikun hemm fehmiet konfliġġenti dwar liema mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati tkun kompetenti għall-istabbiliment ewlieni;

(c)

fejn awtorità superviżorja kompetenti ma titlobx l-opinjoni tal-Bord fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 64(1), jew ma ssegwix l-opinjoni tal-Bord maħruġa taħt l-Artikolu 64. F'dak il-każ, kwalunkwe awtorità superviżorja kkonċernata jew il-Kummissjoni tista' tikkomunika l-kwistjoni lill-Bord.

2.   Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi adottata fi żmien xahar mir-riferiment tas-suġġett minn maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tal-Bord. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż għal xahar ieħor filwaqt li jittieħed kont tal-kumplessità tas-suġġett. Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun motivata u indirizzata lill-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati kollha u tkun vinkolanti għalihom.

3.   Fejn il-Bord ma setax jadotta deċiżjoni fil-perijodi msemmija fil-paragrafu 2, huwa għandu jadotta d-deċiżjoni tiegħu fi żmien ġimagħtejn wara l-iskadenza tat-tieni xahar imsemmi fil-paragrafu 2 b'maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Bord. Fejn ikun hemm qasma indaqs bejn il-membri tal-Bord, id-deċiżjoni għandha tiġi adottata permezz tal-vot tal-President tiegħu.

4.   l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati m'għandhomx jadottaw deċiżjoni dwar is-suġġett ippreżentat lill-Bord skont il-paragrafu 1 matul il-perijodi msemmija fil-paragrafi 2 u 3.

5.   Il-President tal-Bord għandu jinnotifika, mingħajr dewmien żejjed, id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati. Huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan. Id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit elettroniku tal-Bord mingħajr dewmien wara li l-awtorità superviżorja tkun innotifikat id-deċiżjoni finali msemmija fil-paragrafu 6.

6.   L-awtorità superviżorja ewlenija jew, skont kif ikun il-każ, l-awtorità superviżorja li quddiemha jitressaq l-ilment, għandha tadotta d-deċiżjoni finali tagħha abbażi tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn xahar wara li l-Bord jkun innotifika d-deċiżjoni tiegħu. L-awtorità superviżorja ewlenija jew, skont kif ikun il-każ, l-awtorità superviżorja li quddiemha jitressaq l-ilment, għandha tinforma lill-Bord dwar id-data meta d-deċiżjoni finali tagħha tkun ġiet innotifikata lill-kontrollur jew il-proċessur u lis-suġġett tad-data rispettivament. Id-deċiżjoni finali tal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandha tiġi adottata taħt it-termini tal-Artikolu 60(7), (8) u (9). Id-deċiżjoni finali għandha tirreferi għad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u għandha tispeċifika li d-deċiżjoni msemmija f'dak il-paragrafu ser tiġi ppubblikata fuq is-sit elettroniku tal-Bord f'konformità mal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu. Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tkun mehmuża mad-deċiżjoni finali.


whereas

dal 2004 diritto e informatica